• Team Owen Bonnici

€600,000 għal ħdax-il proġett ieħor ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta



Ħdax-il proġett ieħor ta’ riċerka se jiġu ffinanzjati bis-somma globali ta’ €600,000 mill-Università ta' Malta. Dan se jsir wara evalwazzjoni minn esperti barranin ta’ livell għoli u wara li l-proġetti għaddew ukoll minn proċess trasparenti.

Waqt li normalment kienu jiġu ffinanzjati biss erba’ proġetti, din is-sena se jiġu ffinanzjati ħdax-il proġett ieħor, wara żieda fil-baġit li għadda għal dan l-għan.

“Jiena ninsab kuntent immens li din is-somma sabiħa se tingħata lill-Università ta’ Malta għall-benefiċċju tal-istudenti tagħna u l-istudji tagħhom. Normalment, il-Kumitat tal-Fondi għar-Riċerka jirċievi bejn 60 u 100 applikazzjoni għal fondi ta’ proġetti, u hija ħasra li erba’ proġetti biss jingħataw il-fondi f’sena sħiħa. L-applikazzjonijiet huma mqassma f’erba’ kategoriji: Arti, Umanistiċi u Xjenzi Soċjali; ICT, Ambjent Mibni u Inġinerija; Xjenzi tal-Ħajja; u Xjenzi Naturali. Din is-sena qed naraw il-possibiltà li jingħataw fondi ħdax-il proġett ieħor”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici.

“Ninsabu kburin u ħerqana mmens minħabba l-fatt li dawn il-fondi u l-proġetti ser ikomplu jelevaw il-profil tal-Università ta’ Malta fir-riċerka f’diversi oqsma importanti – mill-arti, għall-umanitajiet, ix-xjenzi naturali kif ukoll ix-xjenzi tal-ħajja – u ninsab konvint li dawn kollha ser ikomplu jikkontribwixxu lejn il-kultivazzjoni ta’ kultura ta’ kurżità, u għatx għall-għarfien”, tenna r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella.

Ir-reċipjenti li se jibbenefikaw minn dawn il-fondi huma;

  • Dr Adnan Hadziselimovic, li se jinvestiga l-użu tar-Realtà Virtwali biex tiġi introdotta għal vjaġġi diġitali u virtwali, eżempju permess ta’ proġett xjentifiku, simulazzjoni ta’ arkitettura, arti jew prestazzjoni;

  • Dr Ing. John Charles Betts, li se jinvestiga d-drapp tal-fuħħar Puniku/Ruman misjub f’ċerti siti f’Malta;

  • Prof. Ing. Michael A. Saliba, li se jinvestiga l-użu tar-robotika biex tassisti lill-anzjani fi djarhom;

  • Prof. Tonio Sant, li se jtejjeb id-disinn ta’ apparat għall-ħżin ta’ windfarms offshore, u li għalih l-Università diġà kisbet privattiva madwar id-dinja;

  • Prof. Georgios Yannakakis, li se jistudja mill-ġdid it-Tagħlim tal-Magni u l-Intelliġenza Artifiċjali avvanzati b’applikazzjonijiet f’logħob diġitali, filosofija, wirt kulturali u arti;

  • Prof. Giuseppe di Giovanni, li se jwettaq studju pre-kliniku dwar l-użu ta’ mediċina approvata mill-FDA għall-obeżità, impoġġija mill-ġdid għall-epilepsija;

  • Dr Stephanie Bezzina Wettinger, li se tipprova tikkonferma żewġ kawżi ġenetiċi li jistgħu jwasslu għal għama bil-għan li jiġu identifikati mediċini ġodda li jikkuraw il-marda;

  • Dr Ruben Cauchi, li se juża approċċ innovattiv biex jidentifika, u jġib fis-suq, kura għall-marda Motor Neuron Disease (MND) bħal ALS.

  • Prof. Mauro Pessia, li qed jimmira li juri rabta bejn il-mikrobijota fl-imsaren u l-iżvilupp tal-awtiżmu, bil-għan li tipprevjeni din il-marda;

  • Prof. Andre Xuereb, li qed jimmira li jiżviluppa sistema għall-iskoperta bikrija ta’ terremoti bl-użu ta’ fibri ottiċi tat-telekomunikazzjoni bejn Malta u Sqallija;

  • Dr Liana Vella Zarb, li se tinvestiga nanomaterjali ġodda li jistgħu jwasslu l-mediċini b’mod preċiż ħafna għall-post meħtieġ fil-ġisem.

  • Dawn il-ħdax-il proġett se jingħaqdu mal-erbà proġetti l-oħra li diġà bbenefikaw mill-fondi interni.

Ritratti: MEDE




  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo