• Team Owen Bonnici

45 ruħ idoqqu t-tnabar flimkien ġewwa l-Belt Valletta bħala parti mill-festival Drumfest



Is-Sibt filgħodu, grupp ta’ 45 drummer ingħaqad ġewwa Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, fejn b’rappreżentazzjoni mużikali live ta sorpriża lil bosta persuni li nzertaw għaddejjin.


Il-grupp Belġjan Kortrijk Drumt jivvjaġġa madwar id-dinja u jaqsam messaġġ ta’ kooperazzjoni, xogħol f’tim, diversità u għaqda. Il-45 membru tal-grupp kollha jużaw is-sett ta’ tnabar personali tagħhom filwaqt li jagħtu wirjiet f’diversi bliet madwar id-dinja, biex b’hekk jagħmlu l-mużika aċċessibbli għal kulħadd.


Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar din l-inizjattiva innovattiva li għandha l-għan li tippromwovi kultura inklussiva u aċċessibbli permezz ta’ xi ħaġa li qatt ma saret qabel fil-belt kapitali tagħna. “L-istrateġija tagħna bħala Ministeru hija li niżguraw li l-kultura u l-arti jkunu verament aċċessibbli għal kulħadd. B’dan il-mod qegħdin noħolqu pjattaforma unika għall-artisti lokali biex jimirħu fit-talenti tagħhom, filwaqt li nipprovdu wkoll l-opportunità lil dawk li se jattendu l-festival bil-possibbiltà li jesperjenzaw artisti internazzjonali stabbiliti. Din hija inizjattiva oħra li tarrikkixxi l-kalendarju kulturali u ssaħħaħ il-prodott kulturali lokali tagħna,” stqarr Bonnici.


Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li huwa ta’ unur għall-Belt Valletta li tkun fost l-ibliet li fihom ta spettaklu l-grupp internazzjonali Kontrijk Drumt. Din hija l-ewwel rappreżentazzjoni tax-xorta tagħha ġewwa l-Belt, fejn numru daqshekk kbir ta’ drummers qed jingħaqdu sabiex idoqqu flimkien ġewwa Pjazza San Ġorġ. Huwa tassew sabiħ meta tara waħda mill-pjazez ewlenin tal-belt kapitali tagħna mimlija ħajja u spirtu pożittiv permezz tal-għaqda li ġġib magħha l-mużika. Il-parteċipazzjoni u l-għaqda fost il-komunità Beltija u anke fost dawk li jżuru l-Belt huma prijorità għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.”

Il-grupp Kortrijk Drumt twieled fl-2015, meta Gino Kesteloot, magħruf bħala ‘drum wonder’ ġewwa l-belt ta’ Kortrijk, ħareġ bl-idea li jwettaq rappreżentazzjoni flimkien mal-istudenti kollha tiegħu ġewwa l-pjazza ta’ raħal twelidu. F’din l-ewwel dehra pubblika tagħhom, il-membri tal-grupp daqqew ‘Uptown Funk’ ta’ Bruno Mars. L-avveniment kien ta’ suċċess kbir, u minn dak iż-żmien ’l hawn, il-grupp Kortrijk Drumt ma waqafx jivvjaġġa madwar id-dinja.

Il-grupp Kortrijk Drumt bħalissa jinsab f’Malta bħala parti minn DrumFest Festival 2019. Il-festival, li qed isir ġewwa l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali bejn l-14 u l-15 ta’ Ġunju, jiġbor diversi ġeneri mużikali flimkien, minn rock sa techno. Għal aktar informazzjoni żur www.drumfestmalta.com.



  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo