
Tnejn u erbgħin kunsill lokali madwar Malta u Għawdex se jtellgħu attivitajiet varji għal żmien il-Karnival wara li kisbu fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. L-attivitajiet ivarjaw minn sfilati, attivitajiet relatati mal-ikel tradizzjonali tal-Karnival u oħrajn. Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq dwar l-importanza li l-Karnival jinfirex madwar il-pajjiż kollu, sabiex kulħadd ikun jista’ jgawdi minn din il-festa tradizzjonali, anke dawk li ma jistgħux jivvjaġġaw lejn il-Belt Valletta. Huwa spjega li l-Gvern qed jagħti aktar riżorsi lill-kunsilli lokali biex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet ta’ kwalità għolja, u fl-istess ħin iżidu l-varjetà tagħhom.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li din l-inizjattiva mhix biss għat-tgawdija tal-Karnival, iżda wkoll pass ieħor biex it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija jkomplu jinżammu ħajjin b’mod vibranti madwar Malta u Għawdex. “Dan l-impenn juri kif il-Gvern qed jinvesti f’attivitajiet u proġetti li mhux biss joffru divertiment iżda wkoll isaħħu l-ispirtu ta’ għaqda u għożża għall-kultura tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-Karnival se jinfirex madwar il-pajjiż kollu sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jgawdi l-Karnival.
“Il-programm ta’ attivitajiet imħejji huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern Ċentrali li jżomm it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija ħajja f’kull belt u raħal madwar Malta u Għawdex. Għalhekk matul din is-sena komplejna nsaħħu l-għajnuna finanzjarja lill-kunsilli lokali, sabiex dawn l-istess kunsilli jkollhom aktar għodda sabiex jgħollu l-livell u l-kwalità tal-attivitajiet li jtellgħu,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
L-attivitajiet marbuta mal-Karnival se jittellgħu fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Għargħur, San Ġiljan, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Furjana, il-Kalkara, Paola, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, Ħal Luqa, il-Marsa, Santa Luċija, Santa Venera, is-Siġġiewi, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat Malta, Ħal Safi, iż-Żurrieq, Għajnsielem, l-Għarb, il-Munxar, San Lawrenz, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija, u ż-Żebbuġ Għawdex.

Comentarios