top of page

Pass ieħor biex il-Gvern iħares il-wirt kulturali intanġibbli ta’ pajjiżna



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għadu kif ħabbar it-twaqqif ta’ board bl-inkarigu li jimplimenta l-politika nazzjonali dwar il-qasam tal-wirt kulturali intanġibbli tagħna.

Dan il-board twaqqaf fuq il-parir tal-esperta nominata mill-UNESCO Marina Calvo li kienet preżenti f’Malta lejn il-bidu ta’ din is-sena biex tidderieġi lid-Direttorat tal-Kultura dwar kif għandha titwaqqaf struttura nazzjonali u jingħata bidu għal proċess ta’ inventarju nazzjonali. Il-board għandu bħala chairman lil Frank Zammit, filwaqt li l-membri huma Dr J.P. Baldacchino, Joseph Magro Conti, Kenneth Gambin u Mario Azzopardi u s-segretarja Melanie Ciantar Harrington.

“Nistgħu, bi kburija, ngħidu li l-gżejjer tagħna huma mogħnija b’wirt kulturali imprezzabbli li hu apprezzat mill-pubbliku kif ukoll imfittex minn ħafna turisti. Dan il-gvern qed juri impenn bi strateġija għall-ħarsien tal-wirt kulturali intanġibbli tagħna kif ukoll biex dan ikun preservat u mgħoddi lil ta’ warajna”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-board se jilqa’ l-applikazzjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar jekk il-proposti mill-komunità jistħoqqilhomx ikunu fuq l-inventarju nazzjonali. Wara dan il-proċess, numru ta’ elementi tal-wirt kulturali se jiġu proposti għan-nominazzjoni għal-lista tal-UNESCO tal-wirt kulturali intanġibbli, li permezz tagħha jinkiseb ir-rikonoxximent dinji tagħhom.

Hemm tliet kategoriji li fihom tista’ titressaq nominazzjoni:

  1. Elementi ta’ wirt kulturali intanġibbli li jeħtieġ ħarsien immedjat biex ma jintilifx;

  2. Lista rappreżentattiva ta’ elementi ta’ wirt kulturali intanġibbli li jsaħħu d-diversità fil-komunità u l-ħtieġa li jiżdied għarfien dwar l-importanza ta’ dan l-element;

  3. Reġistru ta’ prattiċi tajba ta’ programmi, ta’ proġetti u ta’ attivitajiet li qed iseħħu fil-qasam tal-wirt kulturali intanġibbli biex permezz ta’ dawn il-prattiċi jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Dan kollu hu possibbli għax f’Marzu 2017 il-Parlament Malti approva b’mod unanimu li jirratifika l-Konvenzjoni tal-2003 tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali Intanġibbli. Wara li saret ir-ratifikazzjoni uffiċjali mal-UNESCO seta’ jinbeda dan il-proċess biex inħarsu u nippromwovu l-wirt kulturali intanġibbli tagħna.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ħoloq is-sit https://www.ichmalta.org biex jiggwida lill-applikanti interessati. Hemm ukoll formola biex il-proposta titniżżel u tkun ikkunsidrata biex titpoġġa fl-inventarju nazzjonali.

Id-Direttorat tal-Kultura se joffri l-għajnuna kollha meħtieġa lil min hu interessat. Id-Direttorat jista’ jigi kkuntattjat fuq in-numru 25674340 jew fuq ich.malta@gov.mt.


bottom of page