top of page

Jitlesta r-restawr ta’ 4,500 metru kwadru tas-swar mal-Għolja tal-Kurċifiss, fil-Furjana



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar is-sit fejn tlestew mir-restawr total ta’ 4,500 metru kwadru ta’ swar li jinsabu fejn l-Għolja tal-Kurċifiss, fil-Furjana.

Huwa qal li għalkemm illum il-ġurnata s-swar m’għadhomx iservu l-iskop prinċipali tagħhom, għandhom importanza akbar minħabba li jirrappreżentaw il-passat u l-istorja twila ta’ pajjiżna.

“Huwa essenzjali li nippreservaw il-passat tagħna biex il-ġenerazzjonijiet futuri tagħna japprezzaw il-wirt tagħna u ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru.

Din il-parti tas-swar li jħarsu għal fuq il-Port il-Kbir f’żona li tilqa’ l-cruiseliners u eluf ta’ turisti kienet partikolarment fi stat ħażin. Il-ġebel kien iddeterjorat ħafna u spiss kienet taqa’ xi biċċa. Il-blat kien ukoll maqsum.

Ix-xogħlijiet li saru jinkludu l-bdil ta’ ġebel, tikħil ta’ fili, konsolidament tal-ġebel iddeterjorat kif ukoll interventi biex jissaħħaħ il-blat. Ħafna mix-xogħol sar minn fuq proprjetajiet ta’ terzi persuni u għalhekk ittieħdu prekawzjonijiet speċjali biex ma ssirx ħsara. Inbnew pjattaformi sabiex jiġu iżolati l-btieħi kif ukoll biex ikun jista’ jinbena l-iscaffolding fuqhom. Il-materjali li kien hemm bżonn ġew imwassla mill-ġnien li jinsab fuq is-swar.

Dawn is-swar huma parti minn dawk iddisinjati mill-inġinier militari Pietro Paolo Floriani fl-1635 meta Antoine de Paule kien Gran Mastru (1622-36) sabiex jipproteġu l-Belt mill-artillerija li maż-żmien kienet dejjem tlaħħaq aktar u aktar fil-bogħod.

Għalhekk il-pożizzjoni tas-swar tal-Furjana huma madwar 800 metru ’l bogħod minn dawk tal-Belt Valletta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li dawn is-swar ikomplu jżidu mal-legat strutturali tal-Belt Valletta u ta’ Valletta 2018 waqt lis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis saħaq li l-Gvern Ċentrali dejjem jara li jkompli jgħin u jsaħħaħ lill-kunsilli lokali, u proġetti bħal dan huma xhieda ta’ dan. Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll is-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili.

Ix-xogħlijiet qegħdin isiru minn Irrecs Ltd taħt is-superviżjoni tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Il-valur totali tax-xogħol se jiswa madwar €600,000.

bottom of page