• Team Owen Bonnici

€200,000 f’fondi għal riċerka dwar żvilupp li jgħin fit-tfassil ta’ muturi iktar siguri



Riċerkaturi mid-Department of Systems and Control Engineering u d-Department of Industrial and Manufacturing Engineering tal-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mas-sieħeb industrijali WKD Works Ltd, qed jaħdmu fuq proġett li għandu l-għan li jipprovdi sistema bla preċedent li tgħin biex ittejjeb il-kumdità u s-sigurezza tal-muturi. Dan il-proġett kien possibbli bis-saħħa ta’ €200,000 f’fondi ta’ riċerka mill-MCST.


Il-Ministru Owen Bonnici żar il-Fakultà tal-Inġinerija fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fejn qed isir ix-xogħol fuq dan il-proġett. Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonnici seta’ jara dan il-proġett innovattiv fl-azzjoni. Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizjattiva tar-riċerkaturi u qal li, “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet konkreti li jistgħu verament itejbu l-ħajja u l-benesseri tas-soċjetà kollha. Is-sigurezza fit-toroq hija kwistjoni li taffettwana lkoll u huwa ta’ sodisfazzjon kbir li naraw lill-akkademiċi jingħaqdu mas-settur industrijali u jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi ta’ riċerka biex jindirizzaw is-sigurezza tal-muturi”.

Il-ministru rringrazzja lil WKD Works Ltd tal-fiduċja tagħhom fit-talent kbir tar-riċerkaturi Maltin li konsistentament qed jagħmlu progress fl-oqsma tagħhom u joħorġu b’innovazzjonijiet li għandhom potenzjal kbir għall-kummerċjalizzazzjoni. Il-ministru inkoraġġixxa lis-settur privat jikkollabora mar-riċerkaturi u jieħu rwol aktar attiv fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-Koordinatur tal-Proġett, l-Inġ. Philip Farrugia qal, “Il-motivazzjoni għal Ride & Safe ġiet miż-żieda allarmanti fl-imwiet bil-muturi f’Malta u għalhekk iddeċidejna li niffukaw fuq approċċ li jiffoka fuq is-sewwieq innifsu u bdejna billi kkonsultajna mas-sewwieqa tal-muturi nfushom. Minbarra l-attenzjoni, li għandha tinżamm mis-sewwieq tal-mutur waqt is-sewqan, il-pożizzjoni tar-rikkieb għandha impatt kbir fuq il-mod kif jiffunzjona l-mutur”.

Jekk ir-rikkieb jipprova jadatta għal pożizzjoni mhux naturali, iċ-ċans li jagħmel żball fil-manuvri se jiżdied, minħabba għeja u tensjoni fil-muskoli. Għalhekk, jekk ir-rikkieb ikun aktar komdu u kkonċentrat waqt is-sewqan, ir-riskju ta’ inċident jitnaqqas. Grazzi għal Ride & Safe, wieħed se jkun jista’ jippersonalizza l-mutur skont il-bżonnijiet tal-ġisem u l-pożizzjoni tas-sewwieq innifsu.



0 views0 comments