• Team Owen Bonnici

20 punt ta' bidla għal riforma sħiħa u b'saħħitha fl-użu responsabbli tal-kannabis




Qafas legiżlattiv ġdid imsejjes fuq 20 punt ta' bidla għal riforma sħiħa u b'saħħitha fl-użu responsabbli tal-kannabis


Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Dr Owen Bonnici nieda d-dettalji tal-qafas leġiżlattiv ġdid li se jwassal għal riforma sħiħa u b'saħħitha dwar l-użu responsabbli tal-kannabis. Din ir-riforma, li hija bbażata fuq 20 punt ta' bidla, se tara, fost oħrajn, li l-persuni li jagħmlu użu mill-kannabis f'ammonti zgħar ma jibqgħux jgħaddu mit-tbatija u l-umiljazzjoni li jġibu magħhom l-arrest u proċeduri ġudizzjarjarji, se tagħti l-possibbilita' ta' kultivazzjoni ta' erba' pjanti fid-djar għall-użu personali u se toħloq sors regolarizzat minn fejn persuna tista' tikseb il-kannabis u ż-żrieragħ tal-kannabis.


B'dan il-mod u bħala miżura effettiva ta' harm reduction, il-Gvern se jkun qed jattakka b'mod ċar u effettiv iċ-ċrieki tat-traffikar tal-kannabis, il-black market u l-kriminalita' li huma assoċjati miegħu. Fl-istess waqt, se jittieħdu l-prekawzjonijiet u s-salvagwardji legali sabiex jiġu mħarsa l-minuri u l-pubbliku in ġenerali u se jissoktaw l-isforzi edukattivi fl-iskejjel, kommunitajiet u anke’ postijiet oħra kontra l-użu tad-drogi, partikolarment fejn jidħlu ż-żgħażagħ.


Il-Ministru Bonnici spjega li b'din ir-riforma l-Gvern ma jridx u m'huwiex se jkun qiegħed jinċentiva kultura tal-kannabis jew il-konsum tal-kannabis. "Minflok," qal Dr Bonnici, "din ir-riforma qed issir bħala miżura b’saħħitha ħafna ta’ harm reduction biex innaqqsu d-dannu li jinħoloq jekk nagħżlu li ma nagħmlu xejn."


Dr Bonnici spjega li din ir-riforma qed issegwi proċess ta' konsultazzjoni li nbeda f'Marzu li għadda bit-tnedija ta' White Paper u laqgħat ma' diversi stakeholders. "Dan il-proċess ta' konsultazzjoni kien attira 350 sottomissjoni u dan juri kemm din ir-riforma hija importanti u rilevanti għal ħafna sezzjonijiet tal-poplu Malti," qal il-Ministru Bonnici.


Huwa qal li, jekk l-abbozz ta' liġi li qed jipproponi riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis jiġi approvat mill-Parlament se jidħlu fis-seħħ 20 bidla, b'uħud minnhom ikunu s-segwenti:


  • Il-pussess ta’ kannabis f’ammont sa seba’ grammi għall-użu personali minn persuna ta’ tmintax il-sena jew aktar mhux se jkun reat, mhux se jagħti lok għal proċeduri (la fil-qorti u lanqas quddiem il-Kummissarju Għall-Ġustizzja) u mhux se jagħti lok għall-arrest u lanqas għall-konfiska tal-kannabis miżmuma fil-limitu ta’ dak permess mil-liġi. Dan sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi li jqanqlu suspett raġjonevoli ta’ traffikar.

  • Pussess ta’ ammont sa seba’ grammi ta’ kannabis minn persuna ta’ taħt it-tmintax -il sena għall-użu personali jwassal biex dik il-persuna tiġi mħarrka biex tidher quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja sabiex jiġi rakkomandat lilha pjan ta’ kura;

  • Pusses għall-użu personali ta’ kannabis fi kwantita ta’ iżjed minn seba’ grammi sa tmienja u għoxrin gramma jagħti lok biss għal proċeduri quddiem il-Kummissarju Għall-Ġustizzja u penali ta’ bejn ħamsin (50) u mitt (100) euro u għall-konfiska tal-kannabis. Dan sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi li jqanqlu suspett raġjonevoli ta’ traffikar.

  • Konsum ta’ kannabis quddiem persuna taħt it-tmintax -il sena (kemm jekk fil-pubbliku u kemm jekk fil-privat) jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u penali ta’ bejn 300 u 500 euro.


  • Se tkun permessa l-koltivazzjoni fil-post tar-residenza ta’ massimu ta’ erba’ pjanti tal-kannabis (irrispettivament min-numru ta’ residenti). Din trid isir b’mod illi l-pjanti ma jkunux jidhru minn postijiet oħra;


  • Se jkun permess illi jsiru Assoċjazzjonijiet li huma organizzazzjonijiet li l-membri tagħhom jistgħu jkunu biss individwi u li l-iskop tagħhom ikun li jikkoltivaw il-kannabis biex iqassmuha fost il-membri. Dawn l-organizzazzjonijiet iridu jaħdmu bħala ‘non-profit organizations’ u ħadd taħt it-18 -il sena ma jista’ jkun membru tagħhom jew ikun preżenti f’xi post immexxi minnhom;

  • Se jkun hemm limitazzjoni tan-numru ta’ membri tal-organizzazzjoni (500) u tal-ammont ta’ kannabis li jista’ jitqassam lil kull membru (mhux aktar minn 7 grammi kuljum b’massimu ta’ 50 gramma kull xahar). L-organizzazzjoni tkun tista’ tqassam ukoll sa 20 żerriegħa tal-pjanta kannabis lil kull membru kull xahar;

  • Il-postijiet immexxija minn dawn l-organizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu f’anqas minn 250 metru minn skola, club jew ċentru taż-żagħżagħ u ebda indikazzjoni b’ sinjali, kliem jew disinji jew mod ieħor ta’ attivitajiet relatati mal-kannabis jew mal-kultura tal-kannabis ma jkunu jistgħu jintwerew minnhom;


  • L-organizzazzjonijiet iridu jkunu reġistrati u mogħtija permess mill-Awtorita dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis li hija awtorita li se titwaqqaf bl-istess Att u li se taġixxi ta’ regolatur tas-settur;


  • Se jkun hemm ukoll tibdil fid-definizzjoni ta’ “kannabis” (li preżentament il-liġi tirreferi għalih bħala “Qanneb Indjan”) b’mod illi ”Kannabis” ma tibqax tinkludi prodotti tal-kannabinojdi li ma jkunx fihom iktar minn zero punt tnejn (0.2) fil-mija ta’ tetrahydrocannabinoil (THC) u ż-żerriegħa tagħha;

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li l-abbozz se jipprovdi wkoll li min fil-passat instab ħati minn Qorti ta’ reat li se jkun qed jiġi depenalizzat, se jkun jista’ jneħħi s-sentenza mill-kondotta tiegħu b’sempliċi talba bil-miktub, mingħajr il-ħtieġa ta' rikors.


Il-Ministru Bonnici rringrazzja lit-tim kollu ta' esperti fil-liġi, fix-xjenzi u f'suġġetti oħra li għenu biex dan il-qafas leġiżlattiv ġdid seta' jitħejja b'mod tant effiċjenti. Huwa saħaq li jinsab kburi li jifforma parti minn Gvern li ma jiddejjaq qatt jieħu d-deċiżjonijiet, jimplimenta riformi bla preċedent u jaġixxi fl-aħjar interess tas-soċjeta' kollha kemm hi.


Dr Bonnici temm jgħid li jħares b'ottimizmu lejn il-proċess leġiżlattiv li diġa' ġie mniedi t-Tnejn li għadda bl-ewwel qari tal-abbozz li se jwassal għal qafas legali ġdid għall-użu responsabbli tal-kannabis.




1 view0 comments