• Team Owen Bonnici

Żjara mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fl-Università relatata mal-lezzjonijiet online



Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li bħalissa għaddej minnhom pajjiżna, l-edukaturi qed jiġu mħeġġa jsibu l-aħjar mod li jaħdem għalihom biex jikkomunikaw mal-istudenti tagħhom b’mezzi online. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar l-Università ta’ Malta sabiex ikun jista’ jsegwi waħda minn dawn il-lezzjonijiet li qed isiru online.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kellu ċ-ċans li jpoġġi madwar mejda biex virtwalment jingħaqad ma’ lezzjoni li kienet għaddejja dak il-ħin stess. Il-Ministru Bonnici qal li, “dan iż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa hu ż-żmien fejn l-edukaturi tagħna qed juru xi tfisser bil-fatti li tħobb lill-istudenti tagħna. It-tagħlim online ser jibqa’ għaddej u nkomplu nħeġġu lit-tfal biex jissoktaw bit-tagħlim tagħhom għaliex aħna bħala Gvern ninsabu kommossi li nagħmlu l-aħjar għażliet li jikkontribwixxu favur l-edukazzjoni ta’ uliedna u ulied uliedna.”

Il-Ministru Owen Bonnici fakkar li dan kollu qed isir permezz tal-appoġġ tal-iskejjel u l-istituzzjionijiet edukazzjonali li l-edukaturi tagħna jagħmlu parti minnha u jekk ikun meħtieġ, permezz tal-appoġġ disponibbli fuq https://digitalliteracy.skola.edu.mt/. L-edukaturi huma mħeġġa jikkollaboraw flimkien u mal-iskola tagħhom biex jippermettu l-ġbir flimkien tar-riżorsi għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Għodda oħra ta’ valur hija www.curriculm.gov.mt fejn wieħed jista’ jsib riżorsi disponibbli għall-edukaturi kollha u li fihom l-għalliema kollha jistgħu jikkontribwixxu.


Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ġenituri u lill-kustodji għall-koperazzjoni tagħhom u għall-mod kif ħafna qed jappoġġaw lit-tfal tagħhom waqt li jkunu f’darhom. Fl-aħħar nett, il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-istudenti kollha. Minkejja li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, ħafna studenti qed jiffukaw fuq l-edukazzjoni tagħhom u qed jikkoperaw bis-sħiħ biex dawn is-sistemi ta’ tagħlim online ikunu suċċess.




  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo