Ħdax-il proġett jirċievu €340,000 bħala parti mill-Programme Support Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Ħdax-il proġett differenti bbenefikaw minn total ta’ €340,000 bħala mill-Programme Support Scheme li hija skema amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti u għandha l-għan ewlieni li tkun ta’ għajnuna lill-artisti sabiex jinħolqu iżjed programmi innovattivi li jinkludu produzzjonijiet, esebizzjonijiet, wirjiet, festivals, bl-impenn fil-kultura komunitarja u taħriġ.
Matul il-preżentazzjoni li saret għall-benefiċjarji ta’ din l-ewwel sejħa ta’ l-iskema, il-Ministru għall-Arti, Wirt Nazzjonali u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici enfasizza l-impenn ta’ dan il-Gvern li joħloq eko-sistema kulturali sostenibbli. Huwa qal li dawn it-tip ta’ skemi huma essenzjali biex isaħħu s-settur kulturali li hu kruċjali għal soċjeta’ li verament tivvalorizza l-kreattivita' u l-innovazzjoni.
“Nifhem ix-xogħol iebes u d-dedikazzjoniji tal-artisti li jqattgħu siegħat twal, biex iżommu l-kultura tagħna ħajja u permezz ta’ dawn l-iskemi, inkunu qed nassistuhom fil-prattika,” sostna Dr Bonnici.
Id-Direttur tal-Strateġija u l-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Ms Mary Ann Cauchi faħħret il-benefiċjarji u rrimarkat dwar il-livell għoli ta’ applikazzjonijiet li ġew riċevuti.
“Sena wara sena, qed ninnotaw li l-proġetti sottomessi għall-għajnuna finanzjarja qed ikunu dejjem iktar avventurużi u kuraġġużi filwaqt li jesploraw attivitajiet ġodda u din hi xi ħaġa li tawgura tajjeb għas-settur”.
“Nixtieq inħeġġeġ aktar artisti, biex jitolbu l-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti, biex jesploraw id-diversi riżorsi u opportunitajiet biex ikomplu jikbru”, tenniet is-Sinjura Cauchi.
L-Għaqdiet li se jibbeniffikaw minn din l-skema huma l- YMCA, MADC, Teatru Salesjan, Centrestage Malta, Epiclectic Ltd, Charles Paul Azzopardi, Żugraga Dance Organisation, Glen Calleja, Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
L-ewwel sejħa tal-Programe Support Scheme tkopri l-programmi li jsiru bejn Mejju u Novembru 2023. Din is-sejħa li għalqet fit-23 ta' Frar 2022, hija waħda minn tlett sejħiet mifruxa matul is-sena 2022.
Din hija parti minn Resilience Strand u għandha l-għan biex tiffaċilità aktar l-għajnuna finanzjarja, toffri sigurtà u kollaborazzjonijiet. Toffri wkoll involviment innovattiv tal-udjenza, żvilupp tal-ħiliet u akkwist ta’ servizzi loġistiċi filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ telf relatati mas-saħħa pubblika jew materji relatati.
It-tieni sejħa se tkun miftuħa sal-31 ta’ Mejju 2022, u r-riżultati għandhom jitħabbru fid-9 ta’ Awwissu 2022. Għal iktar informazzjoni, wieħed jista' jikkuntattja lill-Kunsill Malti għall-Arti fuq 2334 7230 matul il-ġimgħa bejn id-9:00am u l-4:00pm jew permezz ta' email fuq fundinfo@artscouncil.mt jew iżur is-sit www.artscouncil.mt.
Comments