top of page

Ħatriet ġodda fi ħdan l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta



 

Vanessa Mangion se tkun qed tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.  Flimkien ma’ din il-ħatra ġie maħtur ukoll tim artistiku magħmul mis-Surmast Paul Abela, Dr Mario Frendo u Umberto Nicoletti Altimari sabiex il-Kap Eżekuttiv tiffoka fuq l-aspetti amministrattivi waqt li t-tim artistiku jieħu ħsieb d-direzzjoni artistika.

 

Vanessa Mangion ilha taħdem fis-servizz pubbliku għal dawn l-aħħar 23 sena taħt id-diversi amministrazzjonijiet fejn ħadmet, fost oħrajn, fi ħdan is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-Ministeru għat-Turiżmu bħala Assistent Direttur (Servizzi Korporattivi), il-Ministeru għall-Finanzi bħala Direttur (Servizzi Korporattivi) u fi ħdan it-Teatru Manoel bħala Senior Manager (Operations). Qabel l-ingaġġ tagħha mas-settur pubbliku hija kienet taħdem fis-settur privat ma’ ditta legali rinomata fil-kamp tas-servizzi finanzjarji.

 

Hija għandha Executive Masters in Business Administration in Public Management u B.A. (Hons) fl-Istorja. Hi wkoll attiva fis-settur tal-volontarjat fejn kisbet diversi rikonoxximenti u anke ppubblikat papers dwar aspetti tal-Istorja u l-kamp finanzjarju f’pajjiżna.

 

Is-Surmast Paul Abela min-naħa tiegħu studja d-direzzjoni, il-kompożizzjoni u l-orkestrazzjoni taħt il-Professur Charles Camilleri u mbagħad gradwa minn Berklee College of Music ta’ Boston fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika fejn baqa’ jissokta bit-taħriġ mużikali tiegħu. Huwa kkompona diversi xogħlijiet ta’ ġeneri varji li jvarjaw minn semi-klassiku għal jazz, musicals, mużika għall-films u t-teatru u anke mużika kontemporanja.  Għamel ukoll iktar minn għoxrin sena jgħallem il-mużika fl-Iskola tal-Mużika ta’ Malta. Ingħata diversi dekorazzjonijiet għas-servizz li ta lis-settur kultura.

 

Dr Mario Frendo huwa mużiċist u Senior Lecturer fi ħdan id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru fi ħdan l-Iskola tal-Arti Performattiva tal-Università ta’ Malta.  Ir-riċerka tiegħu ġiet ippubblikata f’diversi djar tal-pubblikazzjoni internazzjonali.  Huwa jaħdem ma’ diversi festivals internazzjonali u ħoloq, flimkien ma’ oħrajn, il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta.  Huwa għandu B.A. fil-mużika u Studji teatrali, Masters fil-kompożizzjoni mużikali taħt il-gwida tal-kompożitur Charles Camilleri u Ph.D mill-Università ta’ Sussex. 

 

Umberto Nicoletti Altimari, twieled Ruma u studja l-Istorja tal-Mużika.  Ħadem mar-Rai, mal-Festival dei Due Mondi ta’ Spoleto flimkien ma’ Gian Carlo Menotti, mal-Corriere della Sera bħala kritiku tal-mużika u mal-Academia Nazionale di Santa Cecila fejn ħadem mal-aqwa mużiċisti u diretturi tal-mużika.  Ħadem bħala konsulent mal-Festival Internazionale di Arte e Musica Sagra ta’ Ruma u ippubblika diversi artikli f’rivisti speċjalizzati.  Bejn l-1994 u l-2004 huwa dderieġa aġenzija li tirrappreżenta l-artisti liriċi u ħadem hu wkoll fuq testi ta’ performances ewlenin.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici awgura lil Mangion u lis-Surmast Abela, Dr Frendo u Umberto Nicoletti Altimari fil-ħatra l-ġdida tagħhom u saħaq li dan se jkun pass importanti ’l quddiem biex l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tkompli tikber u tissaħħaħ.  Huwa qal li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta hija sors ta’ kburija għall-Maltin u l-Għawdxin kollha u l-gvern hu għalhekk kommess li din tkompli tkabbar is-suċċessi tagħha.

 

Il-ministeru temm jirringrazzja lill-Aġent Kap Eżekuttiv uxxenti, is-Surmast Christopher Muscat tal-ħidma impekkabbli li wettaq minn Novembru 2022 sal-lum meta assuma dan l-irwol b’żieda mal-irwol li diġà kellu bħala Kap Eżekuttiv ta’ Pjazza Teatru Rjal. Is-Surmast Muscat se jkompli l-ħidma tiegħu fis-settur kulturali bħala Kap Eżekuttiv ta’ Pjazza Teatru Rjal.

 

Ritratti: MHAL

 





 

Comentarios


bottom of page