top of page

Ġnien Brejġu fiż-Żejtun jingħata ħajja ġdida

  • Feb 12
  • 2 min read

 

Ġnien Brejġu fiż-Żejtun ingħata ħajja ġdida wara intervent li sar permezz ta’ fondi minn skema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. L-intervent infrastrutturali sar b’investiment ta’ €180,000 li kienet tinkludi fost oħrajn żona għat-tfal, u l-irranġar ta’ żoni oħra fil-ġnien fosthom tħawwil ta’ siġar u arbuxelli.

 

Iż-żona rikreattiva ġdida fi ħdan il-ġnien ġiet imsemmija għal Dun Anġ Seychell. Dun Anġ kien wieħed mill-akbar benefatturi taż-Żejtun, bniedem ta’ qalb kbira u qassis li ddedika ħajtu biex jgħin lil persuni vulnerabbli u lil dawk b’diżabilità. Il-legat tiegħu ta’ mħabba, ġenerożità u servizz lejn l-oħrajn se  jibqa’ ta’ ispirazzjoni.

 

Fi żjara li għamlu l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u  l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ntqal li għalkemm dan il-ġnien hu ta’ daqs iżgħar minn oħrajn hu ta’ importanza kbira għall-komunità taż-Żejtun għax joffri fost oħrajn post ta’ rilassament għall-familji u l-anzjani.

 

Il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-għaqal u l-viżjoni ta’ dan il-Kunsill Lokali li, permezz ta’ ippjanar serju u użu tajjeb tal-fondi disponibbli, irnexxielu jimplimenta proġett li jwieġeb b’mod konkret għall-bżonnijiet tal-komunità. Huwa qal li inizjattivi bħal dawn juru kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu strumentali biex jitjiebu l-ispazji pubbliċi u jsaħħu l-ħajja soċjali u ambjentali tal-lokalità.

 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif permezz ta’ diversi skemi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qed ikunu ta’ sostenn finanzjarju bla preċedent għall-Kunsilli Lokali fejn jidħlu proġetti infrastrutturali u anke attivitajiet kulturali.

 

“Huwa ta’ sodisfazzjon li nara Kunsilli Lokali li jieħdu l-inizjattiva sabiex isebbħu l-lokalità tagħhom. Dan fiż-Żejtun huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu ta’ differenza fil-ħajja tan-nies, u hawn partikularment fil-ħajja tat-tfal hekk kif dan il-proġett hu mmirat partikularment għat-tfal,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

Hija temmet tappella sabiex aktar Kunsilli Lokali jersqu ’l quddiem bl-inizjattivi u l-proġetti tagħhom sabiex dawn l-istess proġetti jgħinu għat-tisħiħ u l-benesseri tal-komunitajiet hekk kif elenkat fil-Viżjoni Malta 2050. 

 

Intant, is-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius, irringrazzjat lill-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari għall-intervent tagħhom sabiex dan il-proġett seta’ jseħħ. Hija qalet kif dan il-ġnien ġie stabbilit lura fis-snin tmenin u hu msemmi għal Consiglio Ellul li kien magħruf bil-laqam ta’ Brejġu, u kien personaġġ importanti fiż-Żejtun.





 

 
 
 

Comments


bottom of page