top of page

Ċelebrazzjoni għal Prestazzjoni Eċċellenti fil-Matematika

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jingħaqad fiċ-Ċelebrazzjoni għal Prestazzjoni Eċċellenti fil-Matematika



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ngħaqad f’avveniment biex tiġi ċċelebrata l-prestazzjoni eċċellenti ta’ diversi studenti fl-isfida tal-Matematika li ġġib l-isem High 5 Junior Mathematicians Challenge u l-isfida tat-turnew Mathematics Without Borders.

Il-High 5 Junior Mathematicians Challenge huwa programm ta’ arrikkiment għal studenti b’talent fil-Matematika organizzat mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Matul iċ-Ċerimonja tal-Premjijiet fil-MUŻA, ġew iċċelebrati wkoll ir-riżultati eċċezzjonali ta’ tmien studenti Maltin li kisbu l-aqwa riżultati fir-round finali tas-seba’ edizzjoni tat-turnew internazzjonali Mathematics Without Borders.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici spjega kif, “Dan it-turnew, Mathematics Without Borders, joffri sfidi lill-istudenti b’talenti fil-Matematika u jipprovdilhom pjattaforma adegwata biex juru l-kapaċitajiet eċċezzjonali tagħhom. Dan it-turnew jinkoraġġixxi spirtu kompetittiv fost il-parteċipanti u approċċ ta’ tim kollaborattiv. Matul l-edizzjoni ta’ din is-sena, 1,621 student minn 19-il pajjiż differenti pparteċipaw fir-round finali. 18-il student Malti kkwalifikaw għall-aħħar round. Il-prestazzjoni tat-18-il parteċipant Malti kienet notevoli matul dan il-vjaġġ.”

Il-Ministru Bonnici żied jgħid, “Barra minn hekk, matul din is-sena skolastika, l-istudenti tal-10 sena se jerġgħu jipparteċipaw f’serje ta’ attivitajiet għal tfal b’talent fil-Matematika. L-attivitajiet jiffukaw fuq aspetti differenti tal-Matematika li jibnu fuq u jmorru lil hinn mill-kurrikulu tal-Matematika tas-Sekondarja. Sa mill-bidu nett, din l-attività ġġenerat ħafna interess u entużjażmu fost l-istudenti u l-għalliema tagħhom. Minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, l-attivitajiet ta’ din is-sena se jsiru online.”

Il-Ministru Owen Bonnici feraħ lill-istudenti kollha li ħadu sehem, filwaqt li rringrazzja lid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar tad-dedikazzjoni, għaliex dan il-gvern huwa kommess li jkompli jipprovdi opportunitajiet għal studenti b’talent fil-Matematika ħalli jrawmu t-talenti tagħhom.

Ir-rebbieħa tal-ħames edizzjoni tal-High 5 Junior Matematicians Challenge huma Ben Debattista mill-Iskola San Andrea u Kieran Cassar mill-Kulleġġ ta’ San Alwiġi.

L-ewwel għaxar postijiet f’din l-isfida:

L-1 post - Ben Debattista (Skola Medja ta’ San Andrea)

L-1 post - Kieran Cassar (Skola Primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi)

It-2 post - Julia Abela Gauci (Kulleġġ Santa Klara, Skola Primarja Pembroke)

It-3 post - Thomas Falzon (Is-Seminarju tal-Arċisqof)

Mir-4 sal-10 post, elenkati f’ordni alfabetika:

- Alexander Wijnen (Kulleġġ San Injazju, Skola Primarja Żebbuġ)

- Beppe Cassar (Skola Primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi)

- Denzel Sciberras (Kulleġġ San Ġorg Preca, Skola Primarja Paola)

- Kraig Borg (Kulleġġ Maria Regina, Skola Primarja Mosta B)

- Luke Mercieca (Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja Attard)

- Michael Bilocca (Kulleġġ Santa Klara, Skola Primarja Pembroke)

- Roberto Filletti (Is-Seminarju tal-Arċisqof)

Is-17-il pajjiż parteċipant fil-Mathematics Without Borders, minbarra l-Bulgarija (il-pajjiż ospitanti) u Malta jinkludu; l-Afganistan, l-Awstralja, l-Ażerbajġan, l-Estonja, il-Każakistan, il-Kirgiżistan, il-Maċedonja, in-Niġerja, il-Filippini, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Slovenja, it-Tajwan, it-Turkija, l-Ukraina, l-Uzbekistan u l-Vjetnam.

Shanel Cassar ingħatat it-titlu ta’ Maths Star of the Tournament, hekk kif kienet l-aktar parteċipant ta’ suċċess għal Malta.

Ir-Round Finali

Kategorija 3 (studenti li twieldu fl-2010 / fil-5 Sena):

Midalja tal-Fidda - Darren Zammit

Kategorija 5 (studenti li twieldu fl-2008 / fis-7 Sena):

Midalja tal-Fidda - Luke Caruana

Midalja tal-Fidda - Yung Lok Lam

Kategorija 6 (studenti li twieldu fl-2007 / fit-8 Sena)

Midalja tal-Bronż - Daniel Pisani

Midalja tal-Fidda - Max Borg Milton

Midalja tad-Deheb - Shanel Cassar

Kategorija 7 (studenti li twieldu fl-2006 / fid-9 Sena)

Midalja tal-Bronż - Andrea Vella

Midalja tal-Bronż - Nathan Balzan

L-edizzjoni li jmiss tal-Isfida tal-Matematika High 5 Junior Mathematicians Challenge se titnieda permezz ta’ ċirkolari mibgħuta lill-iskejjel kollha f'Jannar 2021.



Ritratti: MEDE

Comentários


bottom of page